gov.mt

PR261593

PR261593

30/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-istipendji u l-għotjiet għall-istudenti


• Aktar minn 18,000 student fil-livell postsekondarju, vokazzjonali u terzjarju mistennija jibbenefikaw mill-għajnuniet matul din is-sena akkademika

Aktar minn 18,000 student u studenta mistennija jibbenefikaw mill-istipendji u l-għotjiet matul din is-sena akkademika, hekk kif illum infetħu l-applikazzjonijiet għal studenti li qed ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fil-livell postsekondarju, vokazzjonali u terzjarju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri spjega li l-Gvern qed jinvesti aktar minn €40 miljun fis-sena f’għajnuniet diretti lill-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom. Fl-istess waqt, sena wara sena qed tiġi rreġistrata żieda medja ta’ madwar 300 student li jikkwalifika għal dawn l-għajnuniet.

“Aktar minn 18,000 student u studenta mistennija jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet din is-sena. Għalina dan mhuwiex biss investiment ta’ aktar minn €40 miljun, iżda investiment dirett fiż-żgħażagħ tagħna u fil-futur tagħhom. Naf kemm stipendju jista’ jagħmel differenza fil-ħajja tal-istudenti u l-familji tagħhom. Irridu li kull student li għandu l-ambizzjoni li jkompli jistudja jkollu l-opportunità jagħmel dan. Għalhekk se nkomplu nsaħħu dan l-appoġġ, biex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jkomplu l-mixja edukattiva tagħhom u jilħqu l-potenzjal tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.

Matul is-sena akkademika 2025/2026, aktar minn 16,600 student ibbenefikaw mill-istipendji u l-għotjiet. Minn Jannar li għadda, l-istipendji żdiedu bi 15%, apparti ż-żieda marbuta mal-għoli tal-ħajja, żieda li se tkompli titħallas lill-istudenti eliġibbli matul is-sena akkademika l-ġdida.    

L-istudenti jistgħu jibbenefikaw minn livelli differenti ta’ stipendju, fosthom ir-rata ġenerali, dik preskritta u rata ta’ prijorità ogħla. Il-klassifikazzjoni ta’ numru ta’ korsijiet tiġi riveduta, fost l-oħrajn, fid-dawl ta’ oqsma marbuta ma’ STEAM u l-ħtiġijiet ta’ ħaddiema u professjonisti f’setturi differenti.  

Minbarra l-istipendju regolari, l-appoġġ jinkludi l-grant annwali, grant ta’ darba fil-bidu ta’ kors fil-livell terzjarju, stipendju supplimentari għal studenti li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli, għotja għal studenti li huma stess ġenituri waħedhom u qed irabbu lil uliedhom u Top Up Stipend għal dawk li jsegwu kors li jinkludi apprendistat.  

Ma’ dawn hemm ukoll inizjattivi oħra li jappoġġjaw lill-istudenti matul il-mixja edukattiva tagħhom, fosthom il-Free Internet Voucher għal dawk li jkomplu jistudjaw immedjatament wara l-edukazzjoni obbligatorja, it-Teaching Practice Grant għal studenti li qed jitħarrġu biex isiru edukaturi, u l-ħlas ta’ placements tas-sajf għal studenti f’oqsma tas-saħħa.

L-Assistant Direttur tal-Għotjiet ta’ Manteniment għall-Istudenti, Josephine Sultana qalet, “Din is-sena qed nistennew li aktar minn 18,000 student japplikaw għall-istipendji u l-għotjiet, u l-għan tagħna huwa li l-proċess ikun kemm jista’ jkun ċar u effiċjenti. L-istipendju llum huwa parti minn firxa usa’ ta’ appoġġ li takkumpanja lill-istudenti tul il-mixja edukattiva tagħhom, b’rati u għotjiet differenti skont il-kors u ċ-ċirkostanzi tagħhom. Inħeġġu lill-istudenti biex japplikaw fil-ħin u jaċċertaw li d-dettalji kollha fl-applikazzjoni tagħhom ikunu korretti, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istipendju u l-għotjiet dovuti lilhom mill-aktar fis possibbli.”

L-applikazzjonijiet isiru online permezz tal-e-ID. L-istudenti huma mħeġġa japplikaw bejn Ottubru u l-aħħar ta’ Diċembru sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-grant kemm jista’ jkun kmieni u mill-istipendju sa mill-bidu tas-sena akkademika. Dawk li japplikaw minn Jannar 2027 ’il quddiem ikunu intitolati għall-istipendju u l-għotjiet dovuti minn meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom.


​​​​